Nitolbu ma' San Franġisk       

 

◄◄|werrej|►►


Talb fuq fomm San Franġisk

miġbur minn għejjun differenti


Talb meħud mill-Arbor Vitae Crucifixae Iesu,

    ta’ Umbertino da Casale


 

Tweġiba għall-Imħabba

Mulej, nitolbok bil-ħerqa

għamel li l-qawwa mħegga

u ħelwa ta’ mħabbtek

tħarrab lir-ruħ tiegħi mill-ħwejjeg tad-dinja

biex inkun nista’ mmut

għall-imħabba tiegħek, Maħbub tiegħi.

 

(mill-Arbor Vitae Crucifixae Iesu, V,4

ta’ Umbertino da Casale)

 

Il-faqar l-għana tiegħi

Mulej tiegħi,

 għarrafni l-faqar, li int tant tħobb.

Ħanin Ġesú,

jkollok ħniena minni.

Inħossni mxennaq għas-Sinjura tal-faqar.

tant  li ma nistgħax insib serħan mingħajrha.

Kont int Mulej,

li kebbist din l-imħabba għaliha f’qalbi.

Tini l-grazzja li nagħmilha tiegħi.

Nixtieq tassew li nistgħana

bit-teżor tal-Faqar.

Bil-ħerqa nitolbok,

Li is-Sinjura tal-Faqar tkun tiegħi

u tiegħi għal dejjem.

Ġesú, int kont tassew fqir,

Ma nixtieq li jkolli xejn tiegħi

taħt il-kappa tas-sema,

imma biss li ngħix b’dak

li l-oħrajn jistgħu jagħtuni.

 

(mill-Arbor Vitae Crucifixae Iesu,19-21

ta’ Umbertino da Casale)


Talb mill-Kitbiet

    ta’ San Bonaventura


Mulej tiegħi

Mulej tiegħi

Għad li ma jistħoqqlix

u għad li jien bniedem midneb,

Int bgħattli dan il-faraġ mis-sema.

Jien nroddulek mill-ġdid lura,

ħu ħsiebu inti,

nkella nħossni qiesni ħalliel

li nisraq it-teżor tiegħek

biex inżommu għalija.

 


Talb meħud mill-Kitbiet

    ta’ Tumas ta' Celano


  

Mulej Ħniena

Mulej Alla tiegħi,

jkollok ħniena minni,

midneb!

 

(mill-ewwel Ktieb ta’ Celano, 26)

 


Talb mill-Konsiderazzjonijiet

    dwar il-Pjagi Mqaddsa ta' San Franġisk


  

Mulej, Alla tiegħi

Mulej Alla tiegħi,

għarrafni wara mewti

x’ser isir mill-familja fqajra ċkejkna,

li f’imħabbtek jogħġbok tafda f’idejja,

bniedem midneb?

Min ser ifarraġhom?

Min ser iwissihom?

Min ser jitolbok għalihom?

 

(mit-Tieni Konsiderazzjoni dwar il-Pjagi Mqaddsa)

 

Mulej x’nista nagħtik

Mulej tiegħi,

Jien kollni kemm jien tiegħek.

Int taf li m’għandi xejn

ħlief it-tonka, il-kurdun u l-ħwejjeġ minn taħt,

u wkoll dawn it-tlieta, huma tiegħek.

Għaldaqstant x’nista’ nagħtik?

 

(mit-Tielet Konsiderazzjoni fuq il-Pjagi Mqaddsa)

 

Grazzji qabel il-mewt

Mulej tiegħi, Ġesù Kristu

Nitolbok żewġ grazzji qabel immut:

 

Qabel xejn, nitlobok li matul ħajti

f’ruħi u f’ġismi nħoss kemm jista’ jkun

l-istess tbatija

li int, Ġesù l-aktar ħelu

ġarrabt fis-siegħa tal-Passjoni

l-aktar ħarxa tiegħek.

 

It-tieni nixtieq, kemm jista` jkun inħoss

fil-qalb tiegħi dik l-istess imħabba kbira

li biha int, Iben Alla, kont imkebbes

tant li ridt iġġarrab tbatija hekk kbira

għalina l-bnedmin.

 

(mit-Tielet Konsiderazzjoni fuq il-Pjagi Mqaddsa)

 

Min int Mulej?

Int min int?

O Mulej tiegħi, l-aktar ħelu!

 

U jien min jien?

Dudu l-aktar baxx

u qaddej tiegħek li ma niswa għal xejn!

 

Int min int?

Mulej ta’ tjieba bla tarf,

Għerf u Qawwa,

li għoġbok iżżur lili

dudu baxx u mistmerr?

 

(It-Tielet Konsiderazzjoni fuq il-Pjagi Mqaddsa)

 


Talb meħud mill-Fjuretti


 

Alla tiegħi

Alla tiegħi u kollox

 

(mill-Fjuretti)

 

Mulej tiegħi

Mulej tiegħi Ġesú Kristu.

Inroddlok ħajr għall-Imħabba

u l-Karità li wrejtni.

Huwa tassew sinjal ta’ l-imħabba hekk kbira

meta int Mulej twiddeb lill-qaddej tiegħek

għall-għemejjel ħżiena f’din il-ħajja

milli tikkastigah fil-ħajja li ġejja.

 

Minħabba dnubieti jien lest

li bil-ferħ inġarrab

kull tiġrib u kull għawġ,

li int, O Alla

jogħġbok tippermettili.

 

(mill-Fjuretti)


Talb ieħor


 

Ħares lejn il-mard tiegħi

Mulej, Ġesù Kristu,

Int ir-Ragħaj it-Tajjeb.

Int tajtna b’imħabba tant ħniena,

li aħna lanqas biss konna nistħoqqu,

u li tant drabi kellek ġġarrab

għalina uġigħ hekk kbir!

Ladarba sejjaħli biex inkun fil-merħla tiegħek.

Nitolbok biex bil-grazzja u bil-qawwa tiegħek

fil-ħin ta’ nkwiet,

ta’ tqigħ il-qalb u ta’ hemm,

ma jkun qatt li nitbiegħed minnek.

 

Mulej, ħares nitolbok

lejn il-mard tiegħi.

Għenni biex inġarrab kollox bis-sabar.

Nifraħ fit-tiġrib u fil-mard tiegħi.

Inħossni f’saħħti fik biss Mulej.

F’kull ħin inrodd ħajr lil Alla,

l-Missier u lil Ibnu l-Waħdieni,

l-Mulej tagħna Ġesù Kristu,

u lill-Ispirtu s-Santu

għall-grazzja kbira li tani,

waqt li għadni ħaj,

meta għoġbu aċċerta lili,

 qaddej tiegħu li ma niswa` għal xejn,

li s-Saltna tiegħu ser tkun tiegħi.

 

(mill-Mera ta’ Perfezzjoni)

 

Jien qaddej tiegħek

“Imbierek int, Mulej talli ħbejt

dawn il-ħwejjeġ

lill-għorrief u lill-intelliġenti

u wrejthom liċ-ċkejknin.

Iva, Missier, għax hekk jogħġob

lilek li tagħmel.”

 

Ġesú, Missier u Mulej ta’ ħajti,

eħlisni mill-pariri tal-ħżiena

u tħallinix naqa’ fiħom.

Għamel, iżda, li bil-grazzja tiegħek,

insib dak li qed infittex,

għax jien qaddej tiegħek,

bin il-qaddejja tiegħek.

 


Maqlub għal Malti minn Fr Thomas Calleja OFMconv

Assisi: Jannar 2003


Barra it-talb

li nsibu

fil-Ktibiet

ta' San Franġisk

Issib ukoll

għadd ta'

talb ieħor

fuq fomm

il-Qaddis.

 

Hawnhekk hawn

ftit minn

dan

it-talb

miġbura

mill-kitbiet

ta' dawk

li kitbu

ħajjietu.