Nitolbu ma' San Franġisk                        

 

◄◄|werrej|►►


Quddiesa ta' San Franġisk

fl-Għoti tal-Pjagi Mqaddsa

17 ta' Settembru


Antifona tad-Dħul                     (Gal. 6, 14)

 

Ma jkun qatt li niftaħar

jekk mhux bis-salib ta' Sidna Ġesù Kristu,

li bih id-dinja hi msallba għalija

u jien għad-dinja. 

 

Talba tal-Bidu

 

NITOLBU.

O Alla, int ġeddidt b'mod tal-għaġeb

is-sinjali tal-passjoni ta' Ibnek

fil-ġisem ta' Missierna San Franġisk

biex tkebbes qlubna bl-imħabba tiegħek;

agħmel, għat-talb tiegħu,

li nixxiebħu ma' l-istess Ibnek f'mewtu,

ħalli hekk nissieħbu miegħu fil-qawmien.

b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla

u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’

l-Ispirtu s-Santu

għal dejjem ta’ dejjem.

Amen.

 

L-Ewwel Qari *

* Fejn issir bħala SOLENNITÀ  jinqraw żewġ lezzjonijiet,

   meta issir bħala FESTA jinqara bissi t-tieni qari

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak                   (50:1,3-7)

 

Dan hu dak li f’ħajtu rifed it-tempju

u fi żmienu rifed id-dar t’Alla.

Fi żmienu nfetħu bjar ta’ l-ilma

u faru qishom baħar.

Ħa ħsieb ġensu u ħelsu mill-qerda;

Kabbar il-belt u saħħaħha;

wessa’ l-bitħa u d-daħla tat-tempju

u qala’ ġieħ mill-poplu tiegħu.

Bħall-kewlba ta’ fil-għodu li qalb is-sħab tidher

u bħall-qamar meta jkun mimli,

bħax-xemx tiddi,

hekk deher jiddi fit-tempju t’Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej.  

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsoriali         (Gal. 2:16.19; Fil. 1:20-23)

 

R/. Issallabt ma' Kristu.

 

Il-bniedem ikun iġġustifikat f'Ġesù Kristu.

Aħna lkoll emminna f'Ġesù Kristu

sabiex inkunu ġustifikati bil-fidi fi Kristu.  R/.

 

Kristu ħabbni u ta ruħu għalija.

Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi

sew jekk ngħix, sew jekk immut.             R/.

 

ĠĦax għalija l-ħajja hi Kristu,

u l-mewt hi rebħ.

Nixtieq nintemm u nkun ma' Kristu.       R/.

  

It-Tieni Qari

 

Egħluq ta’ l-ittra

ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin               (6:14-18)

 

Ħuti, Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar

jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu,

li bih id-dinja hi msallba għalija

u jien għad-dinja.

Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha,

xejn ma hemm ta’ siwi,

imma jiswa biss li nkunu ħolqien ġdid.

U dawk li jimxu fuq din ir-regola,

sliem u l-hena fuqhom,

kif ukoll fuq Israel ta’ Alla.

Mil-lum ‘l quddiem

Qisu li ħadd aktar ma jħabbatni

għax jien f’ġismi nġib il-marki ta’ Ġesù.

Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu

Tkun ma’ l-ispirtu tagħkom, ħuti, Amen.

 

Il-Kelma tal-Mulej.  

R/. Inroddu ħajr lil Alla.

 

Il-Kant ta’ Qabel il-Vanġelu      (Gal. 2. 19-20)

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Issallabt ma' Kristu

ngħix, imma mhux jien,

iżda Kristu ngħix fija,

R/. Hallelujah.

 

Il-Vanġelu

 

+ Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.         (9, 23-26)

 

F'dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies kollha:

"Jekk xi ħadd irid jiġi warajja,

għandu jiċħad lilu nnifsu,

jerfa' salibu kuljum u jimxi warajja.

Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha;

imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi,

dan isalvaha.

Għax x'jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha

u mbagħad jitlef jew jeqred lilu nnifsu?

Jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi,

Bin il-Bniedem ukoll għad jistħi minnu

meta jiġi fil-glorja tiegħu u ta' Missieru

u ta' l-anġli mqaddsa."

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek Kristu.

 

Talba tal-fidili

 

Ħuti għeżież, f'dan il-jum ta' festa, inroddu ħajr 'l Alla, li fil-Qaddis Serafiku Franġisk t'Assisi ta lill-Knisja iben umli u kollu mħabba għaliha u lilna tana Missier għaqli u Mexxej imdawwal, u nitolbuh iżomm ħaj u mħeġġeġ fina l-ispirtu evanġeliku li hu għex fil-milja tiegħu.

 

  • Għall-Knisja mqaddsa tiegħek, biex imdawwla mill-Ispirtu s-Santu tissokta xxandar sa truf l-art, bla biża' u b'mod ċar, il-­kruha tal-vizzju u s-sbuħija tal-virtù, il-kastig etern u l-glorja bla tmiem.   

Ismagħna, nitolbuk Mulej.

 

  • Għall-ulied kollha tal-Patrijarka, Serafiku, biex bil-ħarsien tas­sew tal-faqar evanġeliku jerġgħu jnisslu fil-bniedem ta' żmienna fidi ħajja u tama sħiħa fil-providenza tal-Missier tas-sema.

Ismagħna, nitolbuk Mulej.

 

  • Għall-klassijiet kollha tas-soċjetà, biex imqqanqlin mit-tagħlim u l-eżempju ta' San Franġisk jagħarfu jirrispettaw u jħobbu 'l xulxin bħal aħwa.       

Ismagħna, nitolbuk Mulej.

 

  • Għall-ġnus kollha li għadhom ma jafux lil Kristu Ibnek, biex tibgħatilhom missjunarji mixgħulin bl-istess ħeġġa ta' San Franġisk li jwasslulhom id-dawl ta' l-evanġelju.

Ismagħna, nitolbuk Mulej.

 

  • Għall-erwieħ kollħa ta' Ħutna Reliġjużi, Sorijiet u Terzjarji Franġiskani li f'ħajjitħom stqarrew u għexu l-ideal evanġeliku kif imħaddan mill-Patrijarka tal-Fqar, biex isseħibhom miegħu fejn jarawk wiċċ imb'wiċċ għal dejjem.

Ismagħna, nitolbuk Mulej.

 

Isma', Mulej, fit-tjieba tiegħek; it-talb tagħna, u bl-interċessjoni ta' San Franġisk Missierna, xbiha ta' Ibnek mislub għalina, wettaq dawn ix-xewqat qaddisa tagħna u agħmel li jseħħu fina bil-­grazzja tiegħek. Bi Kristu Sidna.  Amen.

 

Talba fuq l-offerti

 

Ħa tkun ta' għajnuna għalina, nitolbuk, Mulej,

it-talba umli u devota ta' Missierna San Franġisk,

u agħmel li bis-saħħa ta' dan is-sagrifiċċju

inħossu fina l-effett fejjiedi

tal-Passjoni ta' Ibnek.

Bi Kristu Sidna.

 

Prefazju

 

Sewwa u xieraq tassew,

Mulej, Missier qaddis,

Alla ta’ dejjem li tista` kollox,

tajjeb u ta’ ġid għas-salvazzjoni tagħna,

li dejjem u kullimkien inroddulek ħajr.

 

Inti, lill-Qaddej tiegħek San Franġisk,

mill-mogħdijiet ta’ l-ogħla faqar u ta’ l-umiltà

li minnhom għadda,

wassaltu fuq il-quċċata għolja tal-perfezzjoni evanġelika.

Lilu, mħeġġeġ b’imħabba serafika,

b’mod ta’ l-għaġeb fawwartu bil-hena

għad-dehra ta’ l-egħmejjel kollha ta’ idejk;

u mżejjen bil-pjagi mqaddsa,

urejtna fih ix-xbiha ta’ Sidna Ġesù Kristu msallab.

 

Bih ifaħħru l-kobor tiegħek l-Anġli,

iqimuk id-Dominazzjonijiet,

jitriegħdu quddiemek is-Setgħat,

ilkoll ferħana jfaħħruk is-smewwiet

mas-Serafini u l-Qawwiet tas-sema,

flimkien ma’ tagħhom ilqa’, nitolbuk,

it-tifħir tagħna, waqt li bil-qima ntennulek.

 

Qaddis, Qaddis, Qaddis…

 

Antifona tat-Tqarbin                  (Mt. 16, 24)

 

Igħid il-Mulej: Jekk xi ħadd irid jiġi warajja,

għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu u jiġi warajja.

 

Talba wara t-Tqarbin

 

O Alla,

int urejt b'ħafna modi l-misteri ta' l-għaġeb tas-salib

f'Missierna San Franġisk,

agħtina, nitolbuk,

li nimxu fuq l-eżempju tal-qdusija tiegħu

u nissaħħu dejjem bil-meditazzjoni tas-salib.

Bi Kristu Sidna.

 


It-test huwa meħud mill-Missal, Ruman Serafiku, Vol I, Malta 1979


 

Il-Festa

ta'

L-għoti

tal-Pjagi Mqaddsa

lil

San Franġisk  tiġi ċċelebrata

fl-17 ta' Settembru

ta' kull sena.