Kultura Frangiskana - skultura
 

<<|werrej|>>


Frans Galea

Skultur msemmi ghal San Frangisk

1945-1994


Kitba ta' Fr Thomas Calleja ofmconv


Imsemmi għal San Franġisk

Fiż-żmien li qattajt inservi bħala patri fi ħdan il-komunità Franġiskana għar-rdoss tal-Bażilka ta’ San Franġisk f’Assisi, fettilli noħloq website bil-Malti dwar dan il-qaddis fqajjar. F’waħda mit-taqsimiet iddedikata għall-Kultura Franġiskana. F’dawn il-paġni hemm ġabra ta’ tagħrif dwar artisti li kellhom b’xi mod rabta ma’ San Franġisk u l-kontribut li taw fil-qasam ta’ l-arti u l-pittura Franġiskana.  Fost dawn hemm artisti kbar bhal Cimabue u Giotto. Hemm artikli dwar Michelangelo u Caravaggio u r-rabta tagħhom mal-Qaddis ta’ Assisi. Kien xieraq li ma’ dawn insemmu u ngħidu xi ħaġa dwar artist Malti. Dan ukoll kellu b’xi mod rabta ma’ San Franġisk – L-iskultur FRANS GALEA. 

 

Ir-rabta ta’ dan l-iskutur żagħażugħ Rabti ma’ San Franġisk tmur lura lejn l-ewwel mumenti tal-ħajja tiegħu.  Il-ġenituri tiegħu, Pawlu u Maryann xebba Fenech, ftit wara t-twelid tiegħu, fit-22 ta’ Mejju ta’ 1945, ħadu lil bihom fil-fonti tal-Magħmudija u għażlu li jsejħulu bl-isem ta’ Frans għal San Franġisk ta’ Assisi.

 

Fi tfulitu ċ-ċkejken Frans kien imrobbi b’għożża u tenerezza mill-ġenituri tiegħu, li mingħandhom xorob l-ewwel valuri Nsara. Mat-tfal l-oħra tamparu Frans kien jattendi l-iskola primarja tar-Rabat u filgħaxijiet kien jinġabar għad-duttrina fil-qasam tal-MUSEUM ta’ l-istess raħal. Kien hawn li trawmet fih in-namra lejn l-immudellar fit-tafal u l-forom tal-Bambini u tal-pasturi li kienu jħejju għal żmien il-Milied. Ta’ għaxar snin Frans kellu l-okkażjoni jpitter ix-xena għall-presepju l-kbir li s-soċjetà tal-Mużew kienet tagħmel kull sena. Meta kiber ftit ieħor beda jaħdem xi statwi żgħar, fost dawn Frans ħadem l-istatwa ta’ San Lawrenz fil-kartapesta għall-qasam tal-Mużew. 

 

Meta għadda għall-iskola sekondarja teknika tar-Raħal il-Ġdid, Frans iltaqa’ ma’ għadd ta’ artisti bħala għalliema tiegħu, fosthom Samwel Bugeja, Ġorġ Fenech u Ġanni Bonnici, li kollha ntebħu bil-kwalitajiet taż-żagħżugħ u ħajruh ikompli l-istudju fil-qasam ta’ l-arti. Hekk għamel. Wara li spiċċa l-iskola sekondarja daħal f’dik ta’ l-Arti taħt l-għajnejn attenti ta’ l-artisti Ġorġ Borg u Karmenu Mangion.  Frans ha l-istudju bis-serjetà u wasal biex rebaħ borża ta’ studju biex imur jistudja l-iskultura fl-Accademia di Belle Arti ta’ Firenze. Hawn Frann studja taħt surmastrijiet kbar bhalma kienu Giovanni Chissotti għall- mudellatura u Francesco Cenci ghall-fonderija fil-bronż.  Waqt li kien Firenze ma setax jonqos li jmur fil-Knisja ta’ Santa Croce li jieħdu ħsiebha l-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Wara s-suċċess fil-korsijiet li ghamel f’din il-belt ta’ l-arti, Frans reġa’ lura Malta. F’Malta, waqt li bil-kmiem imxammra kien jahdem fuq l-opri tiegħu, kien ukoll għal ħafna snin jaħdem bħala medical-technician fil-mikrobijoloġija fl-isptar San Luqa u l-aħħar snin kien għalliem ta’ l-arti fil-kumpless tas-Sixth form fl-Imsida.

 

Statwa ta’ San Franġisk

L-ewwel darba li ltaqjt ma’ Frans kien fl-1981. Dak iż-żmien kont għadni student fil-kulleġġ tagħna għall-kenn tal-Knisja ta’ San Franġisk, ir-Rabat. Darba minnhom nirċievi telefonata, kien Patri Ugolin Xerri. Qalli biex immur għand l-iskultur Frans Galea għax dan kien qed jistennieni. Qalli wkoll biex immur liebes it-tonka Franġiskana. Kien joqgħod tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-Kunvent, sewwa sew fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Kolleġġata ta’ San Pawl. Ilbist it-tonka u mort. Ftit wara li ħabbatt il-bieb ittawlet il-mara tiegħu, li mill-bixra ta’ wiċċha għaraft li kienet Filippina. Fetħiltli l-bieb u wasslitni fejn żewġha Frans. Sellimna lil xulxin u mill-ewwel qalli għalfejn kien bagħat għalija. Kien qed iħejji mudell fit-tafal ta’ statwa ta’ San Franġisk li kien qabbdu jagħmel Patri Ugolin biex titpoġġa quddiem il-Knisja ta’ Sant’Anna fil-wied ta’ Pwales f’San Pawl il-Baħar. Frans xtaq jara mill-qrib kif inhu mfassal il-kappoċċ tat-tonka li kelli fuqi ħalli jkun jista’ jfassal dak ta’ l-istatwa. Talabni nieħu ftit paċenzja bih. Għidtlu: “Bil-qalb kollha!” Talabni noqgħod f’ċerta pożizzjoni b’id waħda mgħollija kif kienet ix-xbieha tal-qaddis li kien qiegħed inaqqax fit-tafal. Għamilt kif qalli u qgħadt fil-pożizzjoni li xtaq. Frans kien pront tela’ fuq banketta ċkejkna. B’għajn waħda fuqi u oħra fuq it-tafal ta’ quddiemu Frans beda bl-istrumenti f’idejh jimmudella l-kapoċċ tal-qaddis Franġisku fuq dak tiegħi. Bla ħsieb spiċċajt il-mudell, imqar għal ftit ħin, ta’ l-iskultur Frans Galea! 

 

L-istatwa ta’ San Franġisk tlestiet u tqiegħdet fil-post maħsub għaliha fil-Pwales biswit il-Kappella ta’ Sant’Anna. Dak in-nhar tal-kxif u t-tberik ta’ l-istatwa ma setax jonqos li jkun hemm ukoll l-iskultur Frans Galea. 

 

Wara dak in-nhar għaddew aktar minn sitt snin. Lil Frans ma rajtu qatt aktar. Dik il-ħabta Frans Galea kien imqabbad jagħmel xogħol b’rabta mal-ħidma vokazzjonali.  Fl-1983 kien ikkomissjonat jaħdem statwa tal-Madonna għas-seminarju tad-djoċesi f’Tal-Virtù, ir-Rabat. Din l-istatwa Marjana ta’ Frans tlestiet u tbierket mill-Kardinal Salvatore Pappalardo fis-17 ta’ Settembru 1983. Waqt l-ewwel żjara tal-Papa Ġwann Pawl II f’Malta fl-1990 kienu ppresentawlu kopja fil-bronż tal-buzzett ta’ din l-istatwa ta’ l-iskultur Galea.

 

Omm is-Sejħa Franġiskana

Sadantant, sirt saċerdot, mort inkompli l-istudji tiegħi f’Ruma u rġajt lura Malta fl-1987. Il-ħidma li l-provinċja tal-Franġiskani Konventwali talbet minni kienet dik tal-Ħidma Sejħa Franġiskana. Ħidma maż-żgħażagħ biex ngħinhom jiskopru t-triq li l-Mulej kien qiegħed isejħilhom għaliha. F’dak iż-żmien kienet qed toqrob is-Sena Marjana ta’ l-1988. Bħala parti mill-ħidma vokazzjonali nibtet l-idea li bħala tifkira ssir statwa tal-Madonna fil-kjostru tal-kunvent ta’ Birkirkara. Il-ħsieb ta’ l-istatwa Marjana kiseb l-approvazzjoni tal-Komunità u tal-Provinċjal. 

 

Meta konna qed naħsbu lil min sa nqabbdu, f’moħħi kelli lil Frans Galea. Mort infittxu r-Rabat u sibtu. Kif bdejt ngħidlu bil-ħsieb ta’ l-istatwa għajnejh xegħlu. Mill-espressjoni ta’ wiċċu fhimt mill-ewwel li kellna x-xilef ġewwa. Qtajtha mill-ewwel li Frans kien sa jghid iva u jaċċetta li jidħol għax-xogħol. Urejtu d-disinn li kont ħażżiżt jien biex nagħtih idea x’kellna f’moħħna u ħallejt ix-xogħol u l-bqija f’idejh. Ma għaddewx wisq ġimgħat, ġie jfittixni u ġieb miegħu buzzett tat-tafal ta’ l-istatwa.

 

Is-suġġett ta’ l-istatwa kien: Marija Omm is-Sejħa Franġiskana. Marija li b’idha l-leminija qed tipponta lejn il-Vanġelu – ir-Regola u l-ħajja tal-Patrijiet Franġiskani – li qed iżżomm f’idha l-oħra. Marija fl-istatwa hija liebsa bħal uliedha u l-ulied ta’ Franġisku, jiġifieri biċ-ċoqqa, bil-kurdun u bil-kapoċċ li fuq wara hu aktar fit-tul ġej għat-tond u mlibbes fuq rasha bħallikieku velu. Min-naħa tas-sieq tal-lemin minn taħt l-ilbies jidhru ħerġin tliet ħamimiet, simbolu tal-paċi u fl-istess ħin tal-voti. Dan bħallikieku Marija, Omm is-Sejħa Franġiskana qed tnissel it-tliet kunsilli evanġeliċi tal-faqar, l-ubbidjenza u s-safa. L-istatwa tistrieħ fuq pedestal tal-konkos miksi b’ġebel rustiku li fuqu hemm il-kliem Omm is-Sejħa Franġiskana.

 

Fil-Kjostru tal-Kunvent Franġiskan

Kellna l-ħsieb li l-istatwa tkun inawgurata fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, li ħabat fit-8 ta’ Mejju 1988. Ma niftakarx kemm-il darba tlajt ir-Rabat biex nara l-istatwa tieħu s-sura. Fix-xogħol tiegħu Frans kien paċenzjuż u metikoluż.  Serraħli moħħi li sa dak in-nhar ta’ Jum l-Omm l-istatwa tkun lesta.  

 

Għal nofs April tlesta l-pedament li kien meħtieg bħala bażi u l-pedestal. Frans niżel mir-Rabat bil-vann u ġieb miegħu l-forma tal-Madonna fil-ġibs. Ġieb miegħu kemm kien meħtieġ żrar, ramel u siment,  u l-għodod biex jibda l-aħħar fażi ta’ l-istatwa. Frans, b’sengħa ta’ mgħallem li kien, poġġa l-mudell tal-ġibs fuq il-pedestall fejn kellha tieqaf l-istatwa u beda jħallat il-materjal biex iħejji l-konkons ħalli jimla l-forma. Biex jagħtu daqqa t’id ġew l-istudenti u l-kjerċi kollha Franġiskani li kienu jgħixu fil-kunvent. Dawn, fuq l-indikazzjonijiet ta’ l-iskultur, bdew iħalltu u jippreparaw il-konkos u Frans, b’sengħa kbira jixħtu fil-forma min-naha ta’ fuq, waqt li beda jdeffes vireg ta’ l-azzar biex iżommu u jorbot ix-xogħol. Sa kmieni wara nofs in-nhar ix-xogħol tal-konkos u tal-mili tal-forma kien lest. L-istatwa riedet issa ż-żmien biex il-konkons jinxef tajjeb. Dak in-nhar filgħaxija l-istatwa moħbija fil-forma kienet qisha mummja ta’ l-Eġittu wieqfa hemm fuq pedestall fil-ġenb tal-kjostru tal-kunvent.

 

Wara xi ħamest ijiem Frans żamm kelmtu u ġie jkompli l-aħħar fażi ta’ din l-opra Marjana-Franġiskana. Bl-iskarpell u b’mazza ċkejkna beda jkisser b’delikatezza l-forma tal-ġibs. Aktar ma jkisser aktar bdiet tinkixef u tidher l-istatwa tal-konkos li kien hemm fiha. F’diversi partijiet il-ġibs qabad mal-konkons u ried jitneħħa. Xi partijiet oħra kellhom bżnn jimtlew bis-siment u jiġu llixxati. Kien xogħol li jitlob ħafna sabar u bla dubju, id-daqqa ta’ l-imgħallem.

 

Jien kont il-ħin kollu viċin ta’ l-iskultur waqt li kien qed isir dan ix-xogħol. F’ħin minnhom Frans tani skarpell ċkejken u mazza u qalli biex nagħtih daqqa t’id. Ħaġa li innutajt kienet li waqt li Frans kien qed itektek bil-mazza fuq l-iskarpell u jħaddem l-istrumenti tiegħu fuq l-istatwa kien qiegħed ikanta b’leħen ħiemed innijiet lill-Madonna. 

 

Bil-għajnuna ta’ Alla u ta’ Marija l-istatwa ltesliet kif kien maħsub. It-Tberik sar fit-8 ta’ Mejju fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm 1988. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’quddiesa, li saret fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali ta’ Birkirkara bis-sehem tal-ġenituri tal-patrijiet, ta’ l-istudenti u tat-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu l-laqgħat vokazzjonali. Dritt wara saret iċ-ċerimonja tal-kxif u t-tberik fil-kjostru tal-kunvent. Iċ-ċerimonja kienet tinkludi: kant, qari, talb, diskors u fl-aħħar it-tberik mill-provinċjal Patri Alfred Calleja. Għall-okkażjoni ma setax ma jkunx preżenti wkoll l-iskultur Frans Galea.

 

Xogħlijiet ta’ Frans Galea

Omm is-sejħa Franġiskana kompliet iżżid ma’ l-opri ta’ dan l-iskultur Rabti. Fost ix-xogħlijiet bikrin tiegħu fis-sebgħinijiet insibu, “il-Ħaddiem fuq il-lant tax-xogħol”, “It-Trio”; “ic-ciklisti”; “in-Nisa taħt l-umbrella”; “Mara bl-għonnella” u “Guitar Player”. F’dawn ix-xogħlijiet ta’ stil personalizzat u innovattiv, Frans wera l-kapaċità tiegħu li janalizza l-figura umana b’mod personali u b’livell artistikament għoli.

 

Fit-tmeninijiet Frans ħadem l-istatwa ta’ San Franġisk quddiem il-kappella tal-Wied tal-Pwales (1981); statwa tal-Madonna fis-Seminarju tal-Virtù (1983); monument pubbliku fil-Gżira (1984); Kurċifiss fl-injam (1985), statwa ta’ San Mikiel għall-knisja parrokkjali tal-Kalkara (1988) u l-aħħar xogħol tiegħu il-pedestall ta’ San Bastjan għal Ħal Qormi (1994).

 

Laqgħa ma’ Oħtna l-Mewt

Frans kien bniedem maħbub minn min xi darba jew oħra kellu xi kuntatt miegħu. Kien bniedem li l-arti kienet tiġri fid-demm tiegħu. Kien skultur ta’ ħila u ta’ bixra klassika u romantika. Ix-xogħol tiegħu kien fl-istess waqt liriku u poetiku b’ċerta grazzja, nobbiltà u eleganza. Fuq kollox ix-xogħlijiet tiegħu kienu espressjoni tal-qalb spiritwali u tas-sentimenti reliġjużi li dejjem ħaddan u għex matul ħajtu, li ntemmet qasir l-għomor. 

 

Oħtna l-Mewt, kif kien isejħilha San Franġisk ta’ Assisi, sejħitlu biex twasslu hi stess għall-laqgħa mal-Ħallieq, nhar it-Tnejn, 14 ta’ Frar, 1994 meta kellu ftit anqas minn ħamsin sena.

<<|werrej|>>


Valletta: 7.5.2006


Frans Galea

1945-1994

Il-genituri

ħadu lil bihom

fil-fonti tal-Magħmudija u għażlu

li jsejħulu

bl-isem

ta’ Frans  

għal San Franġisk

ta’ Assisi.