Kultura Frangiskana - pittura
 

<<|werrej|>>


Xhieda tal-Kult Franġiskan

Fil-Knisja ta’ San Franġisk - Rabat, Għawdex


Kitba ta' Joe Camilleri

Xhieda tal-Kult Franġiskan

Fil-Knisja ta’ San Franġisk - Rabat, Għawdex:

 

F’ħajtu u wara mewtu sa fi żmenijietna, il-personalità kariżmatika ta’ San Franġisk t’Assisi ġibdet u għadha tiġbed l-ammirazzjoni ta’ dawk kollha li fih raw qaddis kbir Evanġeliku li mexa fuq il-passi tal-Mulej Ġesù.  Qaddis maħbub mill-kbar u miż-żgħar.  Qaddis ta’ sensittività umana u artistika straordinarja, li nebbaħ poeti, mużiċisti u fuq kollox artisti fil-qasam tal-arti viżiva.  Il-kult ta’ San Franġisk tferrex f’bosta pajjiżi, b’mod partikulari kulfejn rifsu riġlejhom il-patrijiet Franġiskani li ssuktaw ixerrdu l-missjoni li kien beda l-Fqajjar t’Assisi.

 

F’Għawdex ukoll, San Franġisk jingħata ġieħ f’bosta knejjes, b’mod partikulari f’dawk tal-patrijiet u tas-sorijiet Franġiskani.  Ser nillimita ruħi għal xi xhieda tal-kult Franġisk fil-knisja tal-Patrijiet Minuri Konventwali tar-Rabat, Għawdex minfejn nibtet din il-pubblikazzjoni.

 

Ma nafux jekk qabel l-aħħar tas-seklu ħmistax l-isem ta’ San Franġisk t’Assisi kienx diġà fi lsien missirijietna.  Wieħed jassumi li sa tmiem dan is-seklu, in-nies tar-Rabat bdew isiru midħla ta’ dan il-qaddis li tant għaraf u gglorifika lil Alla permezz tal-ħolqien tiegħu. Fl-1492, il-patrijiet Franġiskani Konventwali kienu tefgħu l-ankri fir-Rabat fejn, skont tradizzjoni qadima kienu jgħixu fl-għerien taħt il-kunvent li hemm illum.  Sentejn wara, il-patrijiet seta’ kienu qegħdin jagħmru f’xi mkien ieħor billi għamlu talba għall-ftuħ ta’ dar reliġjuża żgħira.  Fl-1511 żgur li kienu ngħataw biċċa art biex jibnu kunvent u knisja.  Il-knisja, wisq probabbli xi waħda rettangulari żgħira fl-idjoma vernikulari popolari, kienet iddedikata lil San Mark.  Għall-ħabta tal-1535, it-titular inbidel għal dak ta’ San Franġisk t’Assisi.

 

Bejn l-1655 u l-1663, il-knisja tkabbret u minbarra l-maġġur kellha sitt altari oħra.  Tliet snin wara, bdew jinbnew aktar ċelel għall-patrijiet b’kurituri li jsawru kjostru.  Fl-1892, sar xogħol ta’ restawr u tkabbir fil-knisja b’faċċata ġdida tal-Perit Baskal Calleja.  Biss, id-dedika tal-knisja lil San Franġisk qatt ma nbidlet.

 

Tul dil-medda twila ta’ żmien, il-patrijiet kienu ntrabtu sħiħ mal-komunità aktarx fqajra tal-inħawi.  Fil-ħidma pastorali tagħhom, żgur li ssuktaw ixerrdu d-devozzjoni lejn il-qaddis fundatur tagħhom San Franġisk.  Il-ħâra tal-knisja u tal-kunvent saret magħrufa bħala Ta’ San Franġisk.  Ix-xaqliba ta’ wara l-kunvent, Wara San Franġisk.  Ismijiet komuni u popolari bħal Francesco,  Franġisk, Franġisku, Ċikku, Kikku u eqreb lejna Frans, François, Franco, Francis u Frank bl-ekwivalenti femminili tagħhom, kollha jixhdu l-imħabba u d-devozzjoni lejn il-qaddis t’Assisi.

 

Kwadru Titulari

L-altar maġġur tal-knisja kellu l-kwadru titulari tiegħu li juri x-xbieha ta’ San Franġisk.  Ma nafux x’sar minnu.  Lanqas nafu jekk kienx pannell.  Imma skont il-kabrew tal-1725 (reġistru b’dettalji tal-proprjetà) dan il-kwadru nbidel ma’ wieħed ġdid. Fl-1675, il-Gwardjan Patri Giovanni Fenech kien ħaseb għall-fondi biex jikseb il-kwadru li sar mill-pittur Olandiż Van Loo.  S’issa għadni ma sibtx liema membru tal-familja artistika Van Loo pitter dan ix-xogħol – dejjem jekk l-attribuzzjoni hi korretta.  Kien hemm min ta l-isem tal-pittur bħala Jean-Baptist.  Iżda Jean-Baptist Van Loo twieled fl-1684 u jekk min-naħa l-oħra id-data tal-kummissjoni hi korretta, mela l-pittur kellu 9 snin!  Seta’ kien Louis-Abraham Van Loo.  Imma aħjar wieħed ma jispekulax qabel issir riċerka u studju aktar bir-reqqa.

 

Hu x’inhu, f’dan il-kwadru titulari hemm żviluppata t-tema tal-għoti tal-istigmati (il-pjagi) lil San Franġisk.  Kompożizzjoni b’forza djagonali.  Kwadru mpitter f’idjoma tenebrista, jiġifieri fi skala ta’ kuluri skuri qatigħ.

 

Il-Kwadru tal-Madonna tal-Anġli

Ix-xbieha ta’ San Franġisk terġa’ titfaċċa fi kwadri ta’ daqs iżgħar li hu t-titular tal-artal iddedikat lill-Madonna tal-Anġli.  Hu l-ewwel artal fin-naħa tax-xelluq mill-presbiterju ’l isfel.  San Franġisk hu rrappreżentat għarkupptejh qiegħed jirċievi l-kurdun li jitħażżem bih mingħand il-Madonna bil-Bambin maqtugħa fuq is-sħab u mdawra bl-anġli.  L-awtur għadu mhux magħruf.  Wieħed ma jistax janalizza sewwa dan ix-xogħol qabel jgħaddi minn proċess ta’ konservazzjoni u jitnaddaf mill-varniċi li jdallmuh u jtellfuh milli jinqara kif mixtieq.

 

Id-Devozzjoni taċ-Ċinglu

Mal-altar tal-Madonna tal-Anġli hemm marbuta d-devozzjoni taċ-Ċinglu ta’ San Franġisk.  F’dan l-altar twaqqfet ix-Xirka tal-Miktubin fiċ-Ċinglu jew tal-kurdun ta’ San Franġisk.  Sa mis-sena 1606, l-imseħbin fix-Xirka bdew igawdu l-Indulġenza Plenarja kull meta jieħdu sehem fil-purċissjoni tal-Madonna organizzata mill-Komunità tal-Franġiskani Konventwali.

 

In-narrattiva tal-kwadru li semmejna fuq tfakkarna fil-ġrajja tad-dehra ta’ Kristu u l-Madonna lil San Franġisk fi knisja żgħira li tinsab fil-bażilika ta’ Santa Maria degli Angeli f’Assisi,  magħrufa wkoll bħala l-Porziuncula minħabba l-isem tal-art tal-inħawi.  Lil din il-knisja, San Franġisk kien jgħożżha sa minn ċkunitu.  Nistgħu ngħidu li kien hawnhekk li seħħ il-bidu tal-moviment Franġiskan.  Skont it-tradizzjoni, kien hawnhekk ukoll li San Franġisk qala’ l-indulġenza tal-Porziuncola għal kull min jersaq lejn dan l-imkien b’ċerta ndiema f’qalbu.  Ta’ kull sena, din l-indulġenza li wħud isibuha wkoll bħala l-Perdono di Assisi għadha tkun iċċelebrata fil-bidu t’Awwissu.  Wieħed għalhekk jista’ jifhem ir-rabta bejn l-Indulġenza tal-Porziuncola u l-altar tal-Madonna tal-Anġli fil-knisja ta’ San Franġisk tar-Rabat, bix-Xirka tal-Miktub fiċ-Ċinklu.

 

San Franġisk fil-pittura tas-saqaf

Il-pittura tas-saqaf tixhed ukoll ir-rabta tal-poplu mal-qaddis titulari San Franġisk.  Il-proġett kollu tas-saqaf troll, tal-apsidi tal-orgni u tal-kwadri monokromatiċi laterali tal-kor saru bejn l-1980-7 mill-artist Pawlu Camilleri Cauchi.  Fl-idjoma stilistika tipika tiegħu, il-pittur Għawdxi li trabba wkoll għall-kenn tal-knisja ta’ San Franġisk żewwaq episodji mill-ħajja tal-qaddis.  L-apsidi, imbagħad tiġbor il-qofol ta’ kollox.  F’festa ta’ kuluri mdawla tirrappreżenta l-glorja ta’ San Franġisk.  L-immakulata Kunċizzjoni flimkien mat-Trinità Mqaddsa jilqgħlu lill-qaddis fil-glorja eterna.

 

Statwi ta’ San Franġisk

Il-komunità tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali kellha statwa ta’ San Franġisk li llum tinsab fil-knisja tal-Patrijiet fi Triq ir-Repubblika, fil-Belt Valletta.  Hi biċċa xogħol tas-seklu 19 li ssegwi t-tipoloġija naturalistika ta’ Giovanni Duprè (1817-1882), skultur Taljan ta’ dixxendenza Franċiża.  Il-figura dritta ta’ San Franġisk hi mlibbsa tonka griża.  Ir-ras baxxuta b’umiltà u l-idejn imsallba fuq is-sider, tant tipika tal-istess tematika ta’ Dupré.  Ma nafux kif din l-istatwa kienet waslet fil-kunvent tar-Rabat.

 

Imbagħad fl-1925, il-Provinċjal Patri Anton Buhagiar għamel proposta lill-patrijiet tar-Rabat t’Għawdex sabiex jagħtu din l-istatwa lil ħuthom tal-Belt Valleta li kellhom niċċa addattata għaliha fil-knisja.  Jista’ jkun (din hija biss ipotesi) li l-komunità ta’ Għawdex ma kinitx hienja għal kollox b’din l-istatwa.  Għalhekk il-patrijiet laqgħu l-offerta ta’ għaxar liri sterlini biex jerħu l-istatwa minn taħt idejhom u jkunu jistgħu jordnaw oħra.

 

Statwa oħra ta’ Karlu Darmanin

Il-komunità tar-Rabat għandha statwa oħra ta’ San Franġisk t’Assisi. Stilistikament hija attribwita lill-iskultur u statwarju Malti Karlu Darmanin (1825-1909) li għall-istess kunvent kien ħadem ukoll ix-xbieha ta’ Santa Margerita M. Alacoque.

 

L-istatwa ta’ San Franġisk hija waħda mdaqqsa sew u maħduma mill-kartapesta.  San Franġisk imlibbes tonka sewda u jidher jimmedita fuq il-kurċifiss li qiegħed iżomm.

 

L-istatwa nħadmet għall-ħabta tal-1891 meta l-knisja kienet ingħalqet b’ordni governattiva minħabba l-istat ħażin tagħha.  Waqt ix-xogħol ta’ restawr u kostruzzjoni, is-servizzi liturġiċi bdew jingħataw fil-kunvent fejn tqiegħdet ukoll din l-istatwa, sewwa sew fil-kuritur t’isfel, faċċata tal-bieb tal-kunvent.  Tinsab f’niċċa miftuħa bi prospettiva sabiħa li qabel kienet ukoll fil-knisja.  Fis-16 t’Awwissu, 1920, l-Isqof t’Għawdex Giovanni Maria Camilleri kien ta indulġenza ta’ 50 jum lil kull min jgħid Pater, Ave u Glorja quddiem din ix-xbieha ta’ San Franġisk.

 

L-istatwa l-ġdida

Fis-sena 1925, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet biex jitfakkar is-seba’ ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk, il-komunità tal-patrijiet tar-Rabat bdiet taħseb ukoll biex tagħmel statwa ġdida tal-qaddis għall-knisja, issa li tikseb is-somma ta’ 10 liri wara li l-vara l-oħra kienet ser tgħaddi għall-kunvent tal-Belt.  Il-kummissjoni ngħatat lil Wistin Camilleri (1885-1979), skultur u statwarju li kellu l-istudju fi Triq Għajn Qatet, naħa ta’ Wara San Franġisk.  Fuq kollox, Wistin kien Terzjarju,  midħla sew tal-patrijiet u artist li x-xogħol tiegħu kien apprezzat ħafna fi ċrieki ekkleżjali.  Għall-knisja ta’ San Franġisk kien diġà sawwar l-istatwa ta’ San Kolaġeru.

 

L-istatwa li ħadem Wistin Camilleri għandha kompożizzjoni simettrika fil-linja eleganti u serja tiegħu. Turi l-Apoteosi ta’ San Franġisk.  Il-qaddis liebes tonka sewda, dirgħajh merfugħa,  waqt li żewġ anġli – wieħed kull naħa – jidhru jtajruh lejn il-glorja tas-sema.  Din l-istatwa ntgħoġbot qatigħ u ġibdet l-ammirazzjoni.  Sa qabel l-aħħar gwerra dinjija, nħar l-4 t’Ottubru, il-Festa tal-qaddis kienet tinħareġ f’purċissjoni.  Ħasra li wara l-gwerra, il-purċissjoni bl-istatwa saret rarità.  Illum tinsab esposta f’niċċa fil-knisja fejn id-devoti ta’ San Franġisk jistgħu jitolbu quddiemha.

 

Fin-naħa tal-kunvent u l-knisja, kollox ifakkrek fil-Fqajjar t’Assisi.  Inkluża l-pjazza wiesgħa li ġġib ismu wkoll.  Permezz tas-segwaċi u tad-devoti tiegħu, San Franġisk għadu jxerred il-messaġġ tal-imħabba fraterna totali lejn il-bnedmin u lejn il-ħlejjaq kollha tal-ħolqien biex permezz tagħhom nogħlew f’ħajr u f’foħrija lejn il-Ħallieq Divin.

 


<<|werrej|>>


Qed jidher bil-kortesija tal-kittieb Joe Camilleri.

Burmarrad - 10 ta' Ottubru 2017


Il-kult

ta’ San Franġisk tferrex f’bosta pajjiżi, b’mod partikulari kulfejn rifsu riġlejhom il-patrijiet Franġiskani li ssuktaw ixerrdu

l-missjoni

li kien beda

l-Fqajjar t’Assisi.